interactive GDPR 2016/0679 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 1 Artikolu 12 Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data
- 2 Artikolu 13 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data
- 3 Artikolu 14 Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
- 2 Artikolu 15 Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data
- 1 Artikolu 18 Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar
- 1 Artikolu 25 Protezzjoni ta' data mid-disinn u b'mod awtomatiku
- 2 Artikolu 36 Konsultazzjoni minn qabel
- 1 Artikolu 42 Ċertifikazzjoni
- 1 Artikolu 43 Korpi ta' ċertifikazzjoni
- 1 Artikolu 54 Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja
- 1 Artikolu 56 Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija
- 1 Artikolu 57 Kompiti
- 1 Artikolu 58 Setgħat
- 3 Artikolu 60 Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra
- 4 Artikolu 64 Opinjoni tal-Bord
- 1 Artikolu 65 Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord
- 1 Artikolu 66 Proċedura ta' urġenza
- 1 Artikolu 70 Kompiti tal-Bord
- 4 Artikolu 92 Eżerċizzju tad-delega
- tad-data 120
- superviżorja 118
- skont 85
- għandha 77
- l-artikolu 74
- għandu 69
- fejn 69
- personali 65
- msemmija 64
- tkun 50
- dwar 49
- għal 49
- l-awtorità 42
- ċertifikazzjoni 42
- minn 42
- superviżorji 41
- tiġi 40
- kwalunkwe 37
- fl-artikolu 37
- ewlenija 36
- ir-regolament 36
- awtorità 35
- biex 33
- il-kontrollur 33
- fil-paragrafu 33
- deċiżjoni 32
- jekk 32
- konformità 31
- tal-bord 30
- kkonċernati 27
- ikun 26
- informazzjoni 26
- data 25
- kompetenti 25
- mingħajr 24
- għandhom 23
- l-informazzjoni 23
- membru 22
- tiegħu 22
- rilevanti 22
- tista 22
- id-deċiżjoni 20
- tal-ipproċessar 20
- fejn 19
- tagħha 19
- jipprovdi 19
- oħra 19
- żmien 19
- kollha 19
- dawk 18
Artikolu 65
Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord
1. Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' dan ir-Regolament f'każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:
(a) | fejn, f'każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b'mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament; |
(b) | fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni; |
(c) | fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa taħt l-Artikolu 64. F'dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista' tikkomunika l-kwistjoni lill-Bord. |
2. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal xahar ieħor filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.
3. Fejn il-Bord ma setax jadotta deċiżjoni fil-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-tieni xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Fejn ikun hemm qasma indaqs bejn il-membri tal-Bord, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz tal-vot tal-President tiegħu.
4. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati m'għandhomx jadottaw deċiżjoni dwar is-suġġett ippreżentat lill-Bord skont il-paragrafu 1 matul il-perijodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.
5. Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.
6. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tinforma lill-Bord dwar id-data meta d-deċiżjoni finali tagħha tkun ġiet innotifikata lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-data rispettivament. Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.
Artikolu 12
Informazzjoni, komunikazzjoni u modalitajiet trasparenti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data
1. Il-kontrollur għandu jieħu miżuri adatti biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, trasparenti, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi, b'mod partikolari għal kwalunkwe informazzjoni indirizzata speċifikament lil minorenni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta bil-miktub, jew b'mezzi oħra, inkluż, fejn xieraq, b'mezzi elettroniċi. Meta tintalab mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni tista' tingħata bil-fomm dment li tingħata prova tal-identità tas-suġġett tad-data b'mezzi oħra.
2. Il-kontrollur għandu jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 15 sa 22. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-kontrollur ma għandux jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 15 sa 22, ħlief jekk il-kontrollur juri li huwa ma jkunx f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data.
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq talba skont l-Artikoli 15 sa 22 lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahrejn oħra fejn meħtieġ, b'kont dovut tal-kumplessità u n-numru ta' talbiet. Il-kontrollur għandu jinforma s-suġġett tad-data dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi f'forma elettronika, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, fejn ikun possibbli, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data.
4. Jekk il-kontrollur ma jiħux azzjoni fuq it-talba tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn xahar minn meta jirċievi t-talba bir-raġunijiet għalfejn ma jkunx ħa azzjoni u dwar il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u li jitfittex rimedju ġudizzjarju.
5. L-informazzjoni pprovduta skont l-Artikoli 13 u 14 u kwalunkwe komunikazzjoni u kwalunkwe azzjoni skont l-Artikoli 15 sa 22 u 34 għandhom jingħataw mingħajr ħlas. Fejn it-talbiet minn suġġett tad-data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:
(a) | jimponi ħlas raġonevoli waqt li jqis l-ispejjeż amministrattivi talli jipprovdi l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew talli jieħu l-azzjoni mitluba; jew |
(b) | jirrifjuta li jieħu azzjoni fuq it-talba. |
Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.
6. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, fejn il-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 15 sa 21, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.
7. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 13 u 14 tista' tingħata flimkien ma' ikoni standardizzati sabiex tingħata ħarsa ġenerali lejn l-ipproċessar intenzjonat b'mod li jidher faċilment, li jinftiehem u li jinqara sew. Fejn l-ikoni jkunu ppreżentati b'mod elettroniku, dawn għandhom ikunu jistgħu jinqraw minn magna.
8. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92 għall-finijiet li tiddetermina l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata permezz tal-ikoni u l-proċeduri għall-għoti ta' ikoni standardizzati.
Artikolu 13
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data
1. Fejn data personali relatata ma' suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi li bihom tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli. |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(c) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(d) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(e) | jekk il-forniment ta' data personali huwiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, jew rekwiżit meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt, kif ukoll jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data; |
(f) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.
Artikolu 14
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
1. Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
(a) | l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur; |
(b) | id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli; |
(c) | l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar; |
(d) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(e) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu; |
(f) | fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli; |
2. Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
(a) | il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(b) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza; |
(c) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data; |
(d) | fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu; |
(e) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(f) | minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku; |
(g) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
(a) | fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali; |
(b) | jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew |
(c) | jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba. |
4. Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
(a) | is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni; |
(b) | il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku; |
(c) | il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew |
(d) | fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza. |
Artikolu 15
Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data
1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:
(a) | il-finijiet tal-ipproċessar; |
(b) | il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni; |
(c) | ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b'mod partikolari riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(d) | fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu; |
(e) | l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar; |
(f) | id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja; |
(g) | fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom; |
(h) | l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta' profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data. |
2. Fejn id-data personali tkun trasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jiġi informat rigward is-salvagwardji adatti skont l-Artikolu 46 rigward it-trasferiment.
3. Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista' jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f'forma elettronika użata b'mod komuni.
4. Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.
Artikolu 18
Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar
1. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:
(a) | is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali, għal perijodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali; |
(b) | l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha; |
(c) | il-kontrollur ma jkollux aktar bżonn tad-data personali għall-għanijiet tal-ipproċessar, iżda din tkun meħtieġa mis-suġġett tad-data għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali; |
(d) | is-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) sakemm jiġi vverifikat jekk il-kriterji leġittimi tal-kontrollur jegħlbux dawk tas-suġġett tad-data. |
2. Fejn l-ipproċessar jkun ġie ristrett skont il-paragrafu 1, tali data personali tista', bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuna fiżika jew ġuridika oħra jew għal raġunijiet ta' interess pubbliku importanti tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.
3. Is-suġġett tad-data li kiseb ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont il-paragrafu 1 għandu jiġi infurmat mill-kontrollur qabel ma titneħħa r-restrizzjoni tal-ipproċessar.
Artikolu 25
Protezzjoni ta' data mid-disinn u b'mod awtomatiku
1. Wara li jikkunsidra l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kkawżati mill-ipproċessar, il-kontrollur għandu, kemm fiż-żmien tad-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll fiż-żmien tal-ipproċessar innifsu, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, bħall-psewdonimizzazzjoni, li huma maħsuba biex jimplimentaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħalma hija l-minimizzazzjoni tad-data, b'mod effettiv u biex jintegraw is-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jipproteġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
2. Il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura li, b'mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li mhijiex meħtieġa għal kull għan speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta' data personali miġbura, il-livell ta' pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B'mod partikolari, tali mekkaniżmi għandhom jiżguraw li b'mod awtomatiku d-data personali ma ssirx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal numru indefinit ta' persuni fiżiċi.
3. Jista' jintuża mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat skont l-Artikolu 42 bħala element li juri l-osservanza tar-rekwiżiti mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 36
Konsultazzjoni minn qabel
1. Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.
2. Fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.
3. Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja
(a) | fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi; |
(b) | bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub; |
(c) | bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament; |
(d) | fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data; |
(e) | bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u |
(f) | bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja. |
4. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.
5. Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.
Artikolu 42
Ċertifikazzjoni
1. L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu, b'mod partikolari fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament ta' attivitajiet ta' pproċessar mill-kontrolluri u mill-proċessuri. Għandu jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.
2. Minbarra l-aderenza minn kontrolluri jew proċessuri soġġetti għal dan ir-Regolament, jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data, siġilli jew marki approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-għan li tintwera l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa pprovduti minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 fil-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u infurzabbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew legalment vinkolanti oħrajn, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
3. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun volontarja u disponibbli permezz ta' proċess li jkun trasparenti.
4. Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu ma tnaqqasx ir-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament u huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.
5. Ċertifikazzjoni skont dan l-Artikolu għandha tinħareġ mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja kompetenti jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fejn il-kriterji huma approvati mill-Bord, dan jista' jirriżulta f'ċertifikazzjoni komuni, is-Siġill Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
6. Il-kontrollur jew il-proċessur li jissottometti l-ipproċessar tiegħu għall-mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni għandu jipprovdi lill-korp ta' ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 43, jew fejn applikabbli, l-awtorità superviżorja kompetenti, bl-informazzjoni kollha u l-aċċess għall-attivitajiet ta' pproċessar tiegħu li huma meħtieġa biex titwettaq il-proċedura ta' ċertifikazzjoni.
7. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tinħareġ lil kontrollur jew proċessur għal perijodu massimu ta' tliet snin u tista' tiġġedded, skont l-istess kondizzjonijiet, sakemm jibqgħu jiġu sodisfatti r-rekwiżiti rilevanti. Iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi rtirata, fejn applikabbli, mill-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43, jew mill-awtorità superviżorja kompetenti fejn ma jiġux sodisfatti jew ma jibqgħux jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni.
8. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u s-siġilli u l-marki għall-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq.
Artikolu 43
Korpi ta' ċertifikazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtorità superviżorja kompetenti taħt l-Artikoli 57 u 58, il-korpi ta' ċertifikazzjoni li għandhom livell xieraq ta' għarfien espert fir-rigward tal-protezzjoni tad-data għandhom, wara li jinfurmaw l-awtorità superviżorja sabiex din tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont il-punt (h) tal-Artikolu 58(2) fejn meħtieġ, joħorġu u jġeddu ċertifikazzjoni. Stat Membru għandu jiżgura li dawk il-korpi ta' ċertifikazzjoni huma akkreditati minn waħda jew wieħed, jew mit-tnejn, li ġejjin:
(a) | l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56; |
(b) | il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni msemmi f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) f'konformità ma' EN-ISO/IEC 17065/2012 u mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56. |
2. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu akkreditati skont dak il-paragrafu biss fejn ikunu:
(a) | wrew l-indipendenza u l-għarfien espert tagħhom b'rabta mas-suġġett taċ-ċertifikazzjoni għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti; |
(b) | impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) u approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew mill-Bord, skont l-Artikolu 63, il-Bord; |
(c) | stabbilixxew proċeduri għall-ħruġ, ir-rieżami perjodiku u l-irtirar ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki tal-protezzjoni tad-data; |
(d) | stabbilixxew proċeduri u strutturi biex jindirizzaw lmenti dwar ksur taċ-ċertifikazzjoni jew il-mod li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet, jew qed tiġi, implimentata mill-kontrollur jew il-proċessur, u biex jagħmlu trasparenti dawk il-proċeduri u l-istrutturi għas-suġġetti tad-data u għall-pubbliku; u |
(e) | wrew għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja kompetenti, li l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom ma jirriżultawx f'konflitt ta' interessi. |
3. L-akkreditazzjoni tal-korpi ta' ċertifikazzjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jitwettqu abbażi ta' kriterji approvati mill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56 jew, mill-Bord, skont l-Artikolu 63. Fil-każ ta' akkreditazzjoni skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dawk ir-rekwiżiti għandhom jikkomplementaw dawk previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-regoli tekniċi li jiddeskrivu l-metodi u l-proċeduri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni.
4. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli mill-valutazzjoni tajba li twassal għaċ-ċertifikazzjoni jew l-irtirar ta' tali ċertifikazzjoni mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur għall-konformità ma' dan ir-Regolament. L-akkreditazzjoni għandha tinħareġ għal perijodu massimu ta' ħames snin u tista' tiġġedded bl-istess kondizzjonijiet sakemm il-korp ta' ċertifikazzjoni jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu.
5. Il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lill-awtorità superviżorja kompetenti bir-raġunijiet għall-għoti jew l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni mitluba.
6. Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 42(5) għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità superviżorja f'forma faċilment aċċessibbli. L-awtoritajiet superviżorji għandhom ukoll jittrażmettu dawk ir-rekwiżiti u kriterji lill-Bord. Il-Bord għandu jiġbor il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni kollha u s-siġilli tal-protezzjoni tad-data kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz xieraq.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu VIII, l-awtorità superviżorja kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni għandu jirtira akkreditazzjoni ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk il-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni ma jiġu sodisfatti jew m'għadhomx jiġu sodisfatti, jew fejn azzjonijiet meħuda mill-korp ta' ċertifikazzjoni jiksru dan ir-Regolament.
8. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 92, għall-fini li tispeċifika r-rekwiżiti li għandu jittieħed kont tagħhom għall-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 42(1).
9. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw standards tekniċi għal mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni u għal siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data, u mekkaniżmi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent ta' dawk il-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, siġilli u marki. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).
KAPITOLU V
Trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali
Artikolu 54
Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja
1. Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:
(a) | l-istabbiliment ta' kull awtorità superviżorja; |
(b) | il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà meħtieġa biex wieħed jinħatar membru ta' kull awtorità superviżorja; |
(c) | ir-regoli u l-proċeduri għall-ħatra tal-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja; |
(d) | it-tul tal-mandat tal-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja ta' mhux inqas minn erba' snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara l-24 ta' Mejju 2016, li parti minnu jista' jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak jinħtieġ għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta' proċedura ta' ħatra mqassma; |
(e) | jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm-il mandat il-membru jew il-membri ta' kull awtorità superviżorja hu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid; |
(f) | il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta' azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma' dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg. |
2. Il-membru jew il-membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, ikunu soġġetti għal dmir ta' segretezza professjonali kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir ta' segretezza professjonali għandu japplika b'mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 56
Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta' dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma' stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b'mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.
3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F'perijodu ta' tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta' jekk hemm jew m'hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.
4. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista' tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).
5. Fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.
6. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.
Artikolu 57
Kompiti
1. Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f'dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
(a) | timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament; |
(b) | tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika; |
(c) | tagħti pariri, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lill-parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħra dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar; |
(d) | tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament; |
(e) | fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan; |
(f) | tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' awtorità superviżorja oħra; |
(g) | tikkoopera ma', inkluż bil-kondiviżjoni ta' informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament; |
(h) | twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra; |
(i) | timmonitorja żviluppi rilevanti, sakemm dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u prattiki kummerċjali; |
(j) | tadotta l-klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2); |
(k) | tistabbilixxi u żżomm lista b'rabta mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4); |
(l) | tagħti parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 36(2); |
(m) | tinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(1) u tipprovdi opinjoni u tapprova tali kodiċijiet ta' kondotta li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti, skont l-Artikolu 40(5); |
(n) | tħeġġeġ l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' protezzjoni tad-data u ta' siġilli u marki ta' protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(1), u tapprova l-kriterji ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42(5); |
(o) | fejn applikabbli, twettaq rieżami perjodiku ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 42(7); |
(p) | tabbozza u tippubblika l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(q) | twettaq l-akkreditazzjoni ta' korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 41 u ta' korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(r) | tawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 46(3); |
(s) | tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47; |
(t) | tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord; |
(u) | iżżomm reġistru intern tal-ksur ta' dan ir-Regolament u tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 58(2); u |
(v) | twettaq kwalunkwe kompitu ieħor b'rabta mal-protezzjoni tad-data personali. |
2. Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b'miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta' komunikazzjoni.
3. It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.
4. F'każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista' timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.
Artikolu 58
Setgħat
1. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:
(a) | li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha; |
(b) | li twettaq investigazzjonijiet fil-forma ta' awditi tal-protezzjoni tad-data; |
(c) | li twettaq rieżami ta' ċertifikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 42(7); |
(d) | li tinnotifika lill-kontrollur jew il-proċessur dwar ksur allegat ta' dan ir-Regolament; |
(e) | li tikseb, mill-kontrollur u l-proċessur, aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha; |
(f) | li tikseb aċċess għal kwalunkwe bini tal-kontrollur u l-proċessur, inkluż għal kwalunkwe tagħmir u mezz għall-ipproċessar tad-data, f'konformità mal-liġi proċedurali tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru. |
2. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:
(a) | li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta' pproċessar maħsuba x'aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament; |
(b) | li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta' pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament; |
(c) | li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament; |
(d) | li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta' pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, fejn xieraq, b'mod speċifiku u f'perijodu ta' żmien speċifiku; |
(e) | li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data; |
(f) | li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar; |
(g) | li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u n-notifika ta' tali azzjonijiet lir-riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19; |
(h) | li tirtira ċertifikazzjoni jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jirtira ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 42 u 43, jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex ma joħroġx ċertifikazzjoni jekk ma jkunux jew ma jibqgħux sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni; |
(i) | li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma', jew minflok il-miżuri msemmija f'dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali; |
(j) | li tordna s-sospensjoni ta' flussi ta' data lejn riċevitur f'pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali. |
3. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta' awtorizzazzjoni li ġejjin:
(a) | li tagħti parir lill-kontrollur f'konformità mal-proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36; |
(b) | li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali; |
(c) | li tawtorizza l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 36(5), jekk il-liġi tal-Istat Membru teħtieġ tali awtorizzazzjoni minn qabel; |
(d) | li toħroġ opinjoni u tapprova abbozzi ta' kodiċijiet ta' kondotta skont l-Artikolu 40(5); |
(e) | li takkredita korpi ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43; |
(f) | li toħroġ ċertifikazzjonijiet u tapprova kriterji ta' ċertifikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 42(5); |
(g) | li tadotta l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2); |
(h) | li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); |
(i) | li tawtorizza l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 46(3); |
(j) | li tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47. |
4. L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f'konformità mal-Karta.
5. Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta' dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b'mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
6. Kull Stat Membru jista' jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha setgħat addizzjonali minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat ma għandux jostakola l-operazzjoni effettiva tal-Kapitolu VII.
Artikolu 60
Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra
1. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'konformità ma' dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.
2. L-awtorità superviżorja ewlenija tista' titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista' twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b'mod partikolari għat-twettiq ta' investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.
3. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.
4. Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'perijodu ta' żmien ta' erba' ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta' deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.
5. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta' deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f'perijodu ta' żmien ta' ġimagħtejn.
6. Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta' deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma' dak l-abbozz ta' deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.
7. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.
8. B'deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b'din.
9. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta' lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta' dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna azzjonijiet b'rabta mal-kontrollur, għandha tinnotifikaha lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu u għandha tinforma lill-ilmentatur b'dan, waqt li l-awtorità superviżorja tal-ilmentatur għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna t-twarrib jew iċ-ċaħda ta' dak l-ilment, u għandha tinnotifikaha lil dak l-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur jew il-proċessur b'dan.
10. Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.
11. Fejn, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta' suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 66.
12. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa taħt dan l-Artikolu lil xulxin b'mezzi elettroniċi, bl-użu ta' format standardizzat.
Artikolu 64
Opinjoni tal-Bord
1. Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:
(a) | ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4); |
(b) | tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament; |
(c) | ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3); |
(d) | ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8); |
(e) | ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew |
(f) | ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47. |
2. Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.
3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.
4. L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.
5. Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:
(a) | lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u |
(b) | lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika. |
6. L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.
7. L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.
8. Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).
Artikolu 65
Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord
1. Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' dan ir-Regolament f'każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:
(a) | fejn, f'każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b'mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament; |
(b) | fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni; |
(c) | fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa taħt l-Artikolu 64. F'dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista' tikkomunika l-kwistjoni lill-Bord. |
2. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal xahar ieħor filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.
3. Fejn il-Bord ma setax jadotta deċiżjoni fil-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-tieni xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Fejn ikun hemm qasma indaqs bejn il-membri tal-Bord, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz tal-vot tal-President tiegħu.
4. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati m'għandhomx jadottaw deċiżjoni dwar is-suġġett ippreżentat lill-Bord skont il-paragrafu 1 matul il-perijodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.
5. Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.
6. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tinforma lill-Bord dwar id-data meta d-deċiżjoni finali tagħha tkun ġiet innotifikata lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-data rispettivament. Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.
Artikolu 66
Proċedura ta' urġenza
1. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista', b'deroga mill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b'perijodu speċifikat ta' validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.
2. Fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b'mod urġenti, hija tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord, billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni.
3. Kwalunkwe awtorità superviżorja tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti, skont kif ikun il-każ, mill-Bord fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa f'sitwazzjoni fejn ikun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni, inkluż għall-ħtieġa urġenti ta' azzjoni.
4. B'deroga mill-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 65(2), opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata fi żmien ġimagħtejn permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord.
Artikolu 70
Kompiti tal-Bord
1. Il-Bord għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord għandu b'mod partikolari, fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fejn rilevanti, fuq talba tal-Kummissjoni:
(a) | jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament fil-każijiet previsti fl-Artikoli 64 u 65 mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali; |
(b) | jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan ir-Regolament; |
(c) | jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kontrolluri, il-proċessuri u l-awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti; |
(d) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki dwar proċeduri għat-tħassir ta' links, kopji jew repliki ta' data personali minn servizzi ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 17(2); |
(e) | jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament; |
(f) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u l-kondizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili skont l-Artikolu 22(2); |
(g) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment tal-ksur tad-data personali u d-determinazzjoni tad-dewmien żejjed imsemmi fl-Artikolu 33(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika il-ksur ta' data personali; |
(h) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom ksur tad-data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 34(1). |
(i) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali bbażati fuq regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-kontrolluri u regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-proċessuri u fuq rekwiżiti meħtieġa oħra biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tas-suġġetti tad-data kkonċernati msemmija fl-Artikolu 47; |
(j) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali abbażi tal-Artikolu 49(1); |
(k) | ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 58(1), (2) u (3) u l-istabbiliment ta' multi amministrattivi skont l-Artikolu 83; |
(l) | jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punti (e) u (f); |
(m) | joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment ta' proċeduri komuni għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 54(2); |
(n) | jinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni għall-protezzjoni tad-data u siġilli u marki għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikoli 40 u 42; |
(o) | iwettaq l-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni u r-rieżami perjodiku tiegħu skont l-Artikolu 43 u jżomm reġistru pubbliku ta' korpi akkreditati skont l-Artikolu 43(6) u tal-kontrolluri jew il-proċessuri akkreditati stabbiliti f'pajjiżi terzi skont l-Artikolu 42(7); |
(p) | jispeċifika r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 43(3) bil-ħsieb tal-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni taħt l-Artikolu 42; |
(q) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar ir-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(8); |
(r) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar l-ikoni msemmija fl-Artikolu 12(7); |
(s) | jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi valutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għall-valutazzjoni jekk pajjiż terz jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ikunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha, inkluża korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali. |
(t) | joħroġ opinjonijiet dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' awtoritajiet superviżorji skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 64(1), dwar kwistjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 64(2) u joħroġ deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 65, inklużi dawk fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 66; |
(u) | jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji; |
(v) | jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(w) | jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha. |
(x) | joħroġ opinjonijiet dwar il-kodiċijiet ta' kondotta mfassla fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 40(9); u |
(y) | iżomm reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku ta' deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet superviżorji u qrati dwar kwistjonijiet ttrattati fil-mekkaniżmu ta' konsistenza. |
2. Fejn il-Kummissjoni titlob parir mill-Bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, filwaqt li tieħu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.
3. Il-Bord għandu jibgħat l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 93 u jagħmilhom pubbliċi.
4. Il-Bord għandu, fejn xieraq, jikkonsulta l-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità li jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Il-Bord għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76, jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni.
Artikolu 92
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.
2. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu mhux determinat mill-24 ta' Mejju 2016.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ il-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(8) u l-Artikolu 43(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni espressa la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perijodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
whereas
dal 2004 diritto e informatica